IP/ 09/1883 Brussell, 11 ta' Diċembru 2009 Il-Kummissjoni tvara votazzjoni online biex jintgħażel il-logo il-ġdid tal-UE għall-prodotti organiċi Mil-lum, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea jistieden liċ-ċittadini kollha Ewropej biex jivvutaw fl-istadju finali tal-kompetizzjoni għal-logo tal-UE għall-prodotti organiċi Is-sit elettroniku http://ec.europa.eu/agriculture/organic/logo/index.htm se jospita l-vot elettroniku fejn it-tliet logos finalisti se jibqgħu jidhru sal-31 ta’ Jannar. Il-logo il-ġdid jimmira li jtejjeb il-ħarsien tal-konsumaturi u jħeġġeġ il-biedja organika. Għall-kuntrarju tal-logo attwali, il-kandidat rebbieħ se jkollu jintwera obbligatorjament għall-prodotti organiċi kollha ppakkjati minn qabel, li jaslu mis-27 Stat Membru u li jissodisfaw l-istandards tat-tikkettjar. “Permezz ta’ dan il-vot elettroniku, il-Kummissjoni Ewropea trid tiżgura li l-logo il-ġdid jappella għall-usa’ firxa possibbli ta’ nies. Fl-istess ħin, dan il-proċess miftuħ tal-għażla jikkontribwixxi għall-mira aktar ġenerali, jiġifieri li n-nies isiru konxji mill-importanza tas-settur tal-biedja organika,” qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Il-logo il-ġdid jeħtieġ li jirrappreżenta lill-UE, kemm internament kif ukoll barra l-fruntieri tagħha. Għandu jkun faċli biex wieħed jiftakru u biex wieħed jassoċjah mal-UE u l-biedja organika mingħajr l-użu ta’ kliem jew ittri. Għal dan il-kompitu diffiċli, il-Kummissjoni Ewropea involviet studenti tad-disinn u tal-arti mill-Ewropa kollha billi nediet il-kompetizzjoni għal-logo organiku tal-UE, li seħħet minn April sa Ġunju 2009. Total ta’ 3,422 disinjatur futur ippreżentaw il-proposti innovattivi. Wara li għalqet il-kompetizzjoni, ġurija magħrufa internazzjonalment għaddiet għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni billi għażlet tliet logos finalisti.