IP/09/ 1988 Brussell, it- 21 ta’ Diċembru 2009 Kampanja tal-UE tal-Ikel Tajjeb għas-Saħħa: il-logħba on line tat-Tfittxija għat-Teżor tasal fl-istadju finali tagħha L-Ewropej żgħażagħ tal-UE27 huma mistiedna jeżaminaw l-għarfien tagħhom dwar dieta bilanċjata u stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, jerġgħu jiskopru l-benefiċċji tal-frott, il-ħaxix u l-prodotti tal-ħalib, u jippruvaw jirbħu rigali sbieħ ħafna li għandhom x’jaqsmu mal-isports u mad-drawwiet tat-tisjir tajbin. Id-data finali tal-għeluq għall-kompetituri biex ifittxu t-teżor se tkun il-31 ta’ Diċembru 2009. Fit-28 ta’ Settembru, il-Kummissarju Mariann Fischer Boel nediet sit tal-internet (ara IP/09/1366 ), bl-islogan “Kul, Ixrob u Ċċaqlaq", li jippreżenta grupp ta’ karattri f’forma ta’ frott, ħaxix u prodotti tal-ħalib tajbin u sportivi li jirrakkontaw l-istejjer tagħhom tal-ikel lit-tfal tal-iskola. It-Tfittxija għat-Teżor tikkonsisti f’2 mistoqsijiet magħmula fi 8 rawnds bil-Grupp ta’ Karattri tal-Kampanja Għażla b’Togħma Tajba jgħin biex jinstabu t-tweġibiet fuq is-sit tal-internet. Jistgħu jieħdu sehem tfal taħt is-16-il sena li jistgħu jirbħu rigali sbieħ għal bidu enerġetiku tas-sena 2010, bħal pereżempju, rota għall-muntanji, magni li jagħmlu l-jogurt jew il-meraq tal-frott, jew sett komplut ta’ mejda tat-table tennis. L-isfond Il- Kampanja tal-Ikel Tajjeb għas-Saħħa se timxi id f’id mal- Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u mal- Iskema tal-Ħalib għall-Iskejjel tal-UE – inizjattivi importanti għal dieta iktar bilanċjata u drawwiet ta’ ikel iktar tajbin għas-saħħa fost it-tfal. Il-Kampanja tal-Ikel Tajjeb għas-Saħħa qed twassal il-messaġġ: Kul, Ixrob u Ċċaqlaq direttament fl-iskejjel. Aktar minn 17 000 tifla jew tifel u l-għalliema tagħhom ħadu sehem fil-logħob tar-roadshow tal-Kampanja Għażla b’Togħma Tajba madwar il-Belġju, Franza, ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Estonja, il-Litwanja u l-Polonja. Ir-rispons kien pożittiv ħafna, fejn l-iskejjel qalu li l-avveniment kien interessanti, istruttiv u interattiv. U x-show żgur għandu jkompli billi saru għadd kbir ta’ talbiet għat-tieni sensiela ta’ żjarat f’għadd ikbar ta’ skejjel madwar l-UE kollha. Ix-xhieda uffiċjali tal-vidjo attraenti li juri liċ-champion tat-tennis Belġjan Justine Henin u lil Rosolino Cannio, id-detentur tar-rekord tal-Guinness fl-età ta’ 8 snin, qed tħajjar lit-tfal biex itejbu d-drawwiet tal-ikel tagħhom Il-ġenituri jistgħu wkoll isibu firxa ta’ punti u pariri utli dwar kif jistgħu jġiegħlu lit-tfal tagħhom jieklu kolazzjon ibbilanċjat jew jagħżlu xi ħaġa ħafifa aktar tajba għas-saħħa għal bejn l-ikliet. Ir-rokna ddedikata lill-Għalliema toffri aċċess għall-Aħjar inizzjattivi, il-Fatti u l-figuri u l-Għodda pedagoġiċi bil-lingwi kollha tal-UE biex tappoġġa lill-għalliema fil-ħidma tagħhom fl-iskejjel. Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometer wera li tliet kwarti ta' dawk li wieġbu “jaqblu totalment” li “jidher li bħalissa hawn iktar tfal b’piż żejjed minn ħames snin ilu”. Fil-fatt, madwar 22 miljun tifel u tifla fl-UE għandhom piż żejjed, u 5 miljuni minnhom għandhom problema ta’ obeżità Għal aktar tagħrif: Il-kampanja Għażla b'Togħma Tajba: http://ec.europa.eu/agriculture/tasty-bunch/ It-Tfittxija għat-Teżor: http://ec.europa.eu/agriculture/tasty-bunch/treasure-hunt/index_en.htm Il-materjal aġġornat awdjoviżiv tal-istampa jiġi ppubblikat fuq http://ec.europa.eu/agriculture/tasty-bunch/press-corner/index_en.htm?press=audiovisual